Meta: Kull ġurnata
Fejn: Madwar il-Kalkara
Min hu nistieden: Kulħadd
Ħlas: B’xejn
Għaddi – Mixja esperjenzali madwar il-Kalkara, huwa proġett bl-għan li jiċċelebra l-identità soċjokulturali, l-istorja u l-memorja kollettiva tal-Kalkara. Wara proċess ta’ ko-kreazzjoni, li beda f’Jannar 2020 u dam għal għaxar xhur, numru ta’ membri mill-komunità Kalkariża jirrakuntaw l-istejjer u l-esperjenzi tar-raħal waqt li jaqsmu l-ħiliet u s-snajja’ tagħhom bħala parti minn mixja esperjenzali miftuħa għall-pubbliku – b’mod speċjali għall-familji interġenerazzjonali: tfal, ġenituri/kustodja u nanniet.
Il-mixja titlaq minn barra l-Esplora, tgħaddi minn uħud mit-toroq ġewwa ċ-ċentru tal-Kalkara, u tispiċċa lura l-Esplora. Il-mixja hija twila madwar sagħtejn, inkluż ħames attivitajiet/waqfiet ta’ madwar ħmistax-il minuta l-waħda, fejn il-familji jkollhom iċ-ċans jiskopru ftit mil-ħiliet u s-snajja’ tal-membri mill-komunità tal-Kalkara u joħolqu xi ħaġa b’idejhom. Għalkemm dan il-proġett laħaq il-qofol tiegħu f’Ottubru 2020, din l-istess mixja madwar il-Kalkara u l-attivitajiet imsemmija xorta jistgħu jsiru bil-kumdità tagħkom.
Din il-mixja taddotta l-metodu DIY fejn kull persuna tista’ tniżżel il-ktejjeb bħala gwida (Agħfas hawn biex tiftaħ il-ktieb gwida) kif ukoll l-awdjo-narrativ bil-Malti (agħfas hawn biex tniżżel) jew taċċessa dirett minn Youtube (agħfas hawn biex taċċessa Youtube) fuq l-ismartphone personali.
Ir-rakkont huwa aċċessibbli wkoll għall-persuni neqsin mis-smigħ billi jew jitniżżel il-filmat apposta bil-Lingwa tas-Sinjali Maltija (agħfas hawn biex tniżżel), jew jiġi aċċessat fuq Youtube (agħfas hawn biex taċċessa Youtube).
Meta ġiet varata din il-mixja f’Ottubru 2020, f’kull waqfa l-pubbliku kellu l-possibbilità jiltaqa’ ma’ membru mill-komunità tal-Kalkara flimkien ma’ Explainer mill-Esplora u ħadmu fuq xogħol kreattiv u prattiku bil-materjal li kellhom fil-pakkett tar-riżorsi. Għalkemm il-laqgħat mal-membri tal-komunità mhux dejjem huma possibbli, hawn taħt tistgħu tniżżlu kopja tal-folji tal-attivitajiet prattiċi:
Frammenti fantastiċi ma’ Yvonne Spiteri Ghio
Ħafif bħar-rix ma’ Joseph Navarro – għal din l-attività tista’ ssegwi wkoll il-filmat fuq Youtube (agħfas hawn biex taċċessa Youtube)
Muturi meraviljużi ma’ Victor Darmanin
Rakkmu tad-deheb prezzjuż ma’ Frances Navarro
Ejja narmaw il-ħanut ma’ Tessie Micallef Pulè
Dan il-proġett ġie żviluppat u mtellgħa mill-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara, l-Esplora Interactive Science Centre u l-artista komunitarja Kristina Borg, u megħjun minn Komunitajiet Kreattivi – Il-Kunsill Malti għall-Arti, mill-Parroċċa tal-Kalkara u mill-Kunsill Lokali Kalkara.