Din il-fortizza nbniet fuq l-ewwel peniżola tal-Port il-Kbir magħrufha bħala l-Ponta tal-Forka għax fuqha kienu jgħallqu lill-iskjavi li jkunu ppruvaw joħolqu xi rewwixta. Fl-1629 il-Kav. Alessandro Orsi ħallas biex jinbena t-Torri San Petronio fit-tarf tal-peniżola. Fl-1669 il-Gran Mastru Nicolás Cotoner y de Oleza qabbad lill-inġinier Antonio Maurizio Valperga biex jagħmel disinn ta’ fortizza kbira. Il-Kav. Giovanni Francesco Ricasoli ta 20,000 skud għall-bini tagħha u b’ħajr issemmiet għalih.
L-ewwel ġebla ta’ Forti Ricasoli tqiegħdet fil-15 ta’ Ġunju 1670. Il-barrakki, il-kappella dedikata lil San Nikola u xi binjiet oħra fil-forti saru bejn l-1680 u l-1690. Forti Ricasoli kien lest minn kollox u armat f’Mejju tal-1698. Matul is-snin il-fortizza sarulha ħafna tibdiliet u għamlet żmien tintuża anki bħala ħabs, kif ukoll fil-preżent bħala sett għal diversi films internazzjonali.